L-Istat tal-Unjoni 2023
L-impenn tagħna lejn l-Ewropa u l-Ewropej
13 ta' Settembru 2023
Insawru d-dinja għall-għexieren ta’ snin li ġejjin
L-istorja qed tevolvi. L-avvenimenti li għaddejna minnhom, f’dawn l-erba’ snin, se jsawru d-dinja għal għexieren ta’ snin li ġejjin.
Dan il-punt kruċjali fl-istorja globali kien ukoll punt kruċjali għall-Ewropa. U l-Ewropa rrispondiet.
Inħolqot Unjoni ġeopolitika – bir-rispons tagħna għall-gwerra kontra l-Ukrajna u għall-kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar. Sadanittant wettaqna aktar minn 90% tal-Linji Gwida Politiċi tal-2019.
Din il-ħidma se tkompli matul is-sena li ġejja. Se tiġi kkomplementata minn għadd ta’ inizjattivi ġodda li jirriflettu l-impenji eżistenti tagħna jew jirreaġixxu għall-isfidi emerġenti - bħall- mira klimatika għall-2040 jew l-indirizzar tal-kriminalità organizzata, bħall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin jew it-traffikar tad-drogi.
“Ejjew nuru li l-Ewropa tista’ timmaniġġja l-migrazzjoni b’effikaċja u b’kompassjoni.”
Suq Uniku kompetittiv, ġust u sostenibbli
Se nkomplu l-ħidma tagħna biex niżguraw tranżizzjoni ġusta għan-nies, għall-industrija u għall-bdiewa. Dan se jsir permezz ta’ sensiela ta’ Djalogi dwar Tranżizzjoni Lejn Enerġija Nadifa mal-industrija kif ukoll djalogu strateġiku mal-komunità tal-biedja biex niżguraw li l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ssir b’mod ġust, intelliġenti u inklużiv.
“Mir-riħ għall-azzar, mill-batteriji għall-vetturi elettriċi, l-ambizzjoni tagħna hija ċara daqs il-kristall: Il-futur tal-industrija tat-teknoloġija nadifa tagħna għandu jsir fl-Ewropa.”
Aħna se naħdmu biex inkomplu nnaqqsu l-piżijiet amministrattivi nagħtu spinta lill-kompetittività industrijali tagħna u lis-saħħa tas-Suq Uniku. Mario Draghi se jipprepara rapport dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea, billi jħares lejn l-isfidi li hemm quddiem l-industrija u l-kumpaniji fis-Suq Uniku tagħna.
“Għax l-Ewropa se tagħmel “dak kollu li hemm bżonn” biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha.”
Inħabirku flimkien għall-progress
Se nibqgħu naħdmu biex nagħmlu l-istituzzjonijiet tagħna stess aktar rappreżentattivi tan-nies li nservu.
Illum in-nisa għandhom aktar minn 47% tal-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri fil-Kummissjoni. Ninsabu f’dik li hija rikonoxxuta bħala sitwazzjoni ta’ bilanċ bejn il-ġeneri.
“M’hemmx argument wieħed għaliex – għall-istess tip ta’ xogħol – mara għandha titħallas inqas minn raġel.”
Spalla ma’ spalla mal-Ukrajna
Hekk kif mexjin lejn it-tieni sena sħiħa ta’ gwerra, l-Ewropa se tibqa’ soda u se tkomplibl-appoġġ tagħha għall-Ukrajna. Se nibqgħu nagħmlu dan sakemm ikun hemm bżonn.
Ipproponejna l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja tagħna għan-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Dan ifisser li l-ħbieb Ukreni tagħna se jkomplu jgawdu mill-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħna, għall-iskejjel tagħna u għas-sistema tas-saħħa tagħna.
Se nkomplu naħdmu wkoll biex inqarrbu l-ekonomija tal-Ukrajna aktar lejna hekk kif tkompli fit-triq tagħha lejn il-post leġittimu tagħha fl-Unjoni tagħna.
Fl-istess waqt, qed nissikkaw u nestendu aktar is-sanzjonijiet, kif ukoll qed nimmiraw biex inżidu l-appoġġ militari tagħna permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, kif ukoll bit-taħriġ ta’ suldati Ukreni.
“Dan se jgħin biex jinbena l-futur tal-Ukrajna biex jerġa’ jinbena pajjiż modern u prosperu. U dak il-futur issa huwa ċar. Din il-Kamra ddikjaratha pubblikament: Il-futur tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni tagħna.”
Nikkompletaw l-Unjoni tagħna
Il-kompitu li aħna msejħa nwettqu ma huwa xejn inqas minn wieħed storiku.
Filwaqt li l-pajjiżi kandidati jħejju għall-adeżjoni, l-Unjoni tagħna wkoll trid tħejji ruħha. Dan it-tkabbir li jmiss għandu jkun katalist għall-progress,bħalma t-tkabbir preċedenti kollu tħejja permezz ta’ riformi istituzzjonali profondi u sar flimkien magħhom.
Il-Kummissjoni se tressaq l-ideat tagħha f’dan ir-rigward.
“Il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni tagħna. Il-futur tal-Moldova huwa fl-Unjoni tagħna. U naf kemm il-perspettiva tal-UE hija għażiża għal ħafna fil-Georgia.”
Magħqudin fil-libertà u l-paċi
L-Ewropa hijas storja ta’ ġenerazzjonijiet. Hekk kif ġenerazzjoni ġdida ta’ Ewropej jersqu lejn l-elezzjonijiet, irridu nwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u nindirizzaw l-ansjetajiet tagħhom.
Irridu nfasslu t-triq ’il quddiem u nħejju l-ġenerazzjoni li jmiss tal-proġett Ewropew.
“Dan huwa l-mument li nuruhom li nistgħu nibnu kontinent fejn tista’ tkun min verament int, tħobb lil min trid, u timmira ’l fuq kemm tixtieq.”
Dan huwa l-kompitu komuni li għandna quddiemna. Tistgħu sserrħu raskom li l-Kummissjoni se taħdem magħkom f’kull pass.
“dan huwa l-mument li fih l-Ewropa twieġeb is-sejħa tal-istorja.
Viva l-Ewropa!”